Din hi x-xiehda tas-Segretarju Generali tal-GWU!


Il-każ tal-Pension & Contingency Fund tal-ħaddiema tax-Xatt

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jippreżenta affidavit
Hekk kif ilbieraħ quddiem l-Imħallef Tonio Mallia kompliet tinstema’ l-kaw­ża dwar il-Pension & Contingency Fund tal-Ħaddiema tax-Xatt, is-Segretar­ju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb ipp­re­żenta affidavit fuq ix-xiehda li kien ta fl-20 ta’ Jannar li għadda.
Fih huwa jgħid li wara r-riforma tal-1990 kien ingħata kumpens wieħed ta’ €500 lill-ħaddiema li kienu jaħdmu x-xatt kif ukoll lil dawk li kienu rtiraw bl-età mis-17 ta’ Settembru, 1990 sat-23 ta’ Ottubru, 1992.
F’din il-kawża, grupp ta’ eks-ħaddie­ma tax-xatt qegħdin jitolbu li jerġgħu jiddaħħlu fl-imsemmi fond li sar fl-1973, wara li bil-ftehim tat-30 ta’ Ġun­ju, 2007 bejn dak li kien il-Ministru għall-Kompetittività u Komunikazz­joni Ċen­su Galea u l-Malta Dockers’ Union (MDU) huma kienu ġew esklużi mill-fond waqt li kull ħaddiem tax-xatt li­ċen­zjat kien ingħata d-dritt li jieħu pagamanet ex-gratia fi żmien 120 jum barra benefiċċji oħrajn mill-fond.
Il-kawża qiegħda ssir kontra l-Minis­tru għall-Infrastruttura, Trasport u Ko­­­mu­nikazzjoni; il-President u t-Te­żorier tal-MDU; iċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Pen­sion & Contingency Fund; iċ-Ċerpersin ta’ Transport Malta u l-Avukat Ġenerali. Minbarra l-affidavit tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, fis-seduta talbieraħ l-Avukat Edward Zammit Lews talab liċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Pension & Contingency Fund John Abela għal xi minuti ta’ laqgħat tal-imsemmi kumitat u dan wieġeb li jkun f’pożizzjoni li jippreżentahom fis-seduta li jmiss tat-22 ta’ Ġunju li ġej.
Fil-kawża, minbarra l-Avukat Zammit Lews, l-eks-ħaddiema tax-xatt għandhom jidhru għalihom ukoll l-Avukati Michael Camilleri u Matthew Bondin.